
Ħabib,
Hekk kif jgħaddu s-snin minn fuqi bħal żiffa riħ, aktar insir konxju kemm hi qasira l-ħajja. Il-Bibbja tgħid li “l-bnedmin huma appuntati li jmutu darba, u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju” (Ebrej 9:27). B’tant ħsibijiet u distrazzjonijiet, faċli naljenaw ruħna u ngħixu bħallikieku m’hemm xejn ħlief dawn l-erbat ijiem fuq l-art. Imma fil-fond ta’ qalbna, nafu mod ieħor. Alla poġġa fina l-ħsieb tal-eternità. Ma jkunx għaqli nittraskuraw ruħna, ir-relazzjoni m’Alla, u d-destin etern tagħna.
Ikollna nammettu li m’għandniex il-ħila nsalvaw lilna nfusna. Imma nirringrazzjaw ’l Alla, hu ma ħalliniex bla tama. L-evanġelju huwa aħbar tajba li għandna bżonnu aktar min-nifs! Ġesù Kristu, Bin Alla, sar bniedem, għex fostna bla dnub, miet fuq salib għal dnubietna, qam minn bejn l-imwiet, u issa qiegħed fil-glorja jinterċedi għall-poplu tiegħu.
Jiena u inti nemmnu dawn il-veritajiet prezzjużi li nistqarru fil-Kredu. Imma taqbel miegħi li mhux biżżejjed li nkunu nafuhom intellettwalment.
Ħafna snin ilu, meta kont għadni żagħżugħ, ħassejt l-għafsa ta’ ħtijieti u l-biża’ tat-telfien. Bil-grazzja t’Alla, smajt is-sejħa tal-evanġelju, dort bi ndiema lejh, u tlabtu jkollu ħniena minni. It-tgħanniqa ta’ mħabbtu kienet u għadha l-hena u l-paċi ta’ ruħi. Minn dak iż-żmien ’l hawn, nixtieq biss insegwi lil Sidi Ġesù, nonorah f’kollox, u nittama fis-sħiħ li għad inkun miegħu u ngawdih għal dejjem.
Ħabib, inħeġġek tikkonsidra sew il-qagħda tiegħek quddiem Alla. Jekk qed tħoss it-toqol ta’ dnubietek, isma’ l-istedina t’Alla fl-evanġelju. Indem u agħti dahrek għad-dnub—ir-regħba, kburija, żena, diżonestà—u ssottometti ruħek għall-Mulej Alla. “Is-Sid hu qrib lejn in-nies b’qalbhom maqsuma u jsalva lil dawk li huma misħuqa fl-ispirtu” (Salm 34:18). Fuq kollox, emmen fi Kristu. Afda fih għall-maħfra. Afda fih ukoll għall-qawwa u l-gwida sabiex tibda tgħix ħajja ġdida għall-glorja t’Alla.
Nimmaġina li għandek elf mistoqsija f’moħħok. Imma fl-aħħar mill-aħħar, l-aktar mistoqsija importanti hija din: X’se nagħmel bi Kristu?
Il-Mulej Ġesù Kristu jistħoqqlu l-fiduċja, l-imħabba u l-ubbidjenza kollha tiegħek. Mur għandu. Fi kliemek stess, itolbu jkun is-Sid u s-Salvatur tiegħek. Il-wegħda tiegħu tgħodd għalik illum: “Ejjew għandi, intom ilkoll li titħabtu u tinsabu mgħobbijin, u jien se nserraħkom” (Mattew 11:28); “Min jemmen fija, bħalma qalet l-Iskrittura, mill-fond ta’ ġewwa fih se jgelglu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġwanni 7:38).














