X’inhu r-rwol tal-opri tajba fis-salvazzjoni?

Ħadd qatt ma jista’ jiftaħar li kiseb is-salvazzjoni bl-opri u l-ħila tiegħu. L-Iskrittura tgħidilna ċar: “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla; mhux bl-opri, sabiex ħadd ma jiftaħar” (Efesin 2:8–9).

X’ngħidu mela, li l-Insara m’għandhomx bżonn jagħmlu t-tajjeb ladarba mhumiex salvi bl-opri tagħhom? Jew forsi li jistgħu jibqgħu jiffangaw fid-dnub? Allaħares! Ideat bħal dawn huma ċ-ċaħda tal-evanġelju, għax l-istess Skrittura tkompli tgħidilna, “Għax aħna għemilu, maħluqin fi Kristu Ġesù għall-opri t-tajba, li Alla pprepara minn qabel, sabiex nimxu fihom” (Efesin 2:10).

Ħafna drabi l-iżball jidħol għax issir enfasi fuq verità partikolari filwaqt li tkun injorata jew miċħuda verità oħra. Din l-Iskrittura tħarisna minn ideat estremi dwar il-ħidma t’Alla u l-ħidma tagħna fis-salvazzjoni.

  • Mhux mill-Opri
    Ninnotaw li s-salvazzjoni mhix bis-saħħa tagħna—“mhux bl-opri”. Alla mhu midjun ma’ ħadd. Ma jsalvaniex bi ħlas għall-għemejjel u l-isforzi tagħna, imma bi grazzja, b’favur li ma jistħoqqilniex. Dan hu wisq diffiċli għalina biex nilqgħuh. Nippretendu li m’aħniex daqshekk ħżiena u nimmaġinaw li bi ftit għajnuna mingħand Alla kapaċi nimmeritaw il-ġenna. Imma l-Iskrittura tifqa’ l-bużżieqa tal-kburija tagħna. Ma nsalvawx minna nfusna jew bl-opri tagħna, biex ħadd ma jiftaħar!
  • Għemil Alla
    Jekk se niftaħru ħalli niftaħru bil-Mulej, għax is-salvazzjoni hi l-opra tiegħu. In-nies salvati jistqarru bil-ferħ li “aħna għemilu”. Is-salvazzjoni tal-midneb hi opra wisq akbar mill-ħolqien tal-univers, u din il-ħidma wettaqha Alla, mhux aħna, permezz ta’ Ibnu. Ġesù ħalla l-glorja tas-sema, sar bniedem, u offra ġismu u demmu fuq is-salib għall-fidwa tal-poplu tiegħu. Mela s-salvazzjoni mhix il-ħidma tagħna l-bnedmin iżda l-ħidma t’Alla. Lilu glorja u tifħir!
  • Għall-Opri Tajba
    B’daqshekk ma jfissirx li wlied Alla jgħixu b’idejhom marbutin fuq żaqqhom! Alla lliberahom mill-jasar tad-dnub biex jaqduh minn qalbhom fil-ġustizzja u l-imħabba matul ħajjithom. Innota kif l-ewwel il-Bibbja tgħid li s-salvazzjoni “mhux bl-opri”, u immedjatament wara tkompli, “biex nagħmlu l-opri tajba.” Hemm hu l-bilanċ bibliku! L-opri tagħna mhumiex il-kawża, imma l-frott tas-salvazzjoni.

Jeħtieġli mela nitlaq l-opri minn idejja sabiex bil-fidi naqbad ma’ Kristu għall-maħfra u l-ħelsien. Imbagħad, minn hemm ’il quddiem, b’idejn liberi u nodfa, naħdem it-tajjeb f’ubbidjenza lejn Alla, u bi gratitudni għall-imħabba tal-għaġeb li wera miegħi f’Ibnu Ġesù.

L-Artiklu li jmiss