
Ġesù jsemmi żewġ toroq: il-wiesgħa twassal għat-telfien, u l-oħra, id-dejqa, tieħu għall-ħajja. Kif nistgħu nagħżlu triq il-ġenna u nevitaw il-ħażina?
Neħtieġu gwida aħjar mir-reliġjonijiet u l-filosofiji umani, għax l-Iskrittura twissina li “d-dinja ma saritx taf ’l Alla permezz ta’ għerfha” (1 Korintin 1:21).
Il-verità nsibuha fil-Bibbja. Il-kotba tal-Iskrittura nkitbu minn nies qaddisa gwidati mill-Ispirtu s-Santu. Għalhekk il-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, u ladarba Alla la jista’ jigdeb u lanqas jiżbalja, nistgħu noqogħdu fuq it-tagħlim tagħha. L-Iskritturi mqaddsa “kapaċi jagħmluk għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi li hi fi Kristu Ġesù” (2 Timotju 3:15).
- Xi ngħidu għat-tradizzjoni?
Hemm post għat-tradizzjoni sakemm tintuża tajjeb. Ġesù wissiena dwar l-użu ħażin tagħha (Mark 7:1-13). Il-Lhud kien messhom żammew sod mat-tagħlim tal-Iskrittura. Ġara li żiedu u ħalltu magħha tagħlim ieħor ġej mit-tradizzjoni—it-tagħlim reliġjuż tal-antenati tagħhom—u għarrqu kollox. Ġesù akkużahom li ġabu fix-xejn il-Kelma t’Alla biż-żieda tat-tradizzjoni. Jeħtieġ noqogħdu b’seba’ għajnejn biex ma nirrepetux l-istess żball. - Għandna nisimgħuhom lill-għalliema reliġjużi?
Iva, bla dubju, speċjalment lil dawk li jgħallmu l-Kelma t’Alla b’fedeltà. Min-naħa tagħna, irridu naċċertaw ruħna li tagħlimhom jaqbel mal-Bibbja. Hekk għamlu d-dixxipli bikrija—huma “laqgħu l-kelma b’kull ħeġġa u eżaminaw l-Iskritturi kuljum biex jaraw jekk dawn il-ħwejjeġ kinux hekk” (Atti 17:11). Mudell eċċellenti għalina: ejja nagħmlu bħalhom, u b’hekk it-twemmin tagħna nibnuh fuq il-blata soda tal-Kelma t’Alla. - Kif għandna nqisu l-opinjoni personali?
Il-Bibbja twissina biex ma nserrħux fuq il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna. “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u fuq fehmtek la tafdax” (Proverbji 3:5). Minflok l-ideat personali, li sikwit huma żbaljati, inkunu wisq aktar għaqlin jekk nibnu ħajjitna fuq il-Kelma infallibbli tal-Mulej.
Il-Bibbja Mqaddsa hi l-gwida ċerta lejn il-ġenna. Meta wieħed jitgħallem, jemmen u jobdi l-messaġġ tagħha, ikun jista’ jistqarr: “Kelmtek hi lampa għal saqajja u dawl għall-mogħdija tiegħi” (Salm 119:105).
Ejja, mela, nitgħallmu u nafdaw il-Kelma t’Alla u nimxu fit-triq li jurina hu.














