It-triq quddiemi

Għażiż ħabib,

Jista’ jkun li għad għandek xi dubji u mistoqsijiet dwar it-triq tas-salvazzjoni. Inħeġġek tkompli titlob u tfittex fl-Iskrittura. Jalla l-Mulej jagħtik fehma tajba. Ikun pjaċir għalija li ngħinek mill-aħjar li nista’; għalhekk nistiednek tiktibli.

Jew forsi fhimt l-evanġelju, u Alla tak id-doni tal-indiema u l-fidi fi Kristu Ġesù. Għas-salvazzjoni, m’għadekx aktar isserraħ fuq l-opri u l-merti tiegħek. Issa tafda fil-Mulej Ġesù Kristu biss, u f’xejn u f’ħadd aktar. Nifraħ miegħek u nfaħħar ’l Alla għall-grazzja meraviljuża tiegħu.

Dan hu l-bidu tal-mixja tiegħek mal-Mulej. Minn qalbek tixtieq timxi warajh u li tonorah f’kulma tagħmel. Hu jagħtik ferħ li ma jitfissirx bil-kliem. Fl-istess ħin, fl-għerf u l-imħabba tiegħu, il-Mulej se jippermettilek tgħaddi minn żminijiet diffiċli u ta’ tbatija. Permezz ta’ dawn id-diffikultajiet, il-Mulej jgħinek timmatura fil-fidi u titgħallem tafda fih aktar. Għalhekk imxi ’l quddiem b’fiduċja, billi taf li l-Mulej ma jitilqek qatt.

Nissuġġerilek issib post għall-kwiet fejn ta’ kuljum tiltaqa’ mal-Mulej. Aqra l-Bibbja b’attenzjoni (eż. L-Evanġelju ta’ Mattew, kapitlu kuljum). Isma’ sewwa x’qed jgħidlek il-Mulej. Inti wkoll tista’ tkellmu bit-talb: b’tifħir u ringrazzjament, stqarrija ta’ dnubietek, u petizzjonijiet għalik u għal ħaddieħor.

Bħala membru fil-ġisem ta’ Kristu, għandek il-privileġġ li tingħaqad ma’ aħwa oħra fi knisja lokali. Għandna bżonn xulxin. Il-Mulej iridek titgħammed fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, kif ukoll tieħu sehem fl-Ikla tal-Mulej b’tifkira tas-sagrifiċċju tiegħu għalina. It-tagħlim u l-predikazzjoni tal-Kelma jgħinuna nikbru fil-grazzja u fl-għarfien ta’ Kristu.

Ibierkek il-Mulej, u jħarsek.

Jiddi l-Mulej dawl wiċċu fuqek, u jħenn għalik.

Jerfal-Mulej wiċċu fuqek, u jagħtik is-sliem.

(Numri 6:24-26)