Jien imwieled mill-ġdid?

Ġesù qal lil wieħed għalliem u mexxej Lhudi jismu Nikodemu, “Tassew, tassew ngħidlek, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara saltnet Alla” (Ġwanni 3:3). Skont Ġesù, xejn ma jiswa jekk tkun reliġjuż, tmur il-knisja, titlob, u tgħix ħajja morali—xorta ma tidħolx il-ġenna jekk ma twelidtx mill-ġdid!

Għaliex jeħtieġ li nitwieled mill-ġdid? Din il-bidla radikali hi meħtieġa għax l-Iskrittura tgħid li aħna lkoll mejtin fil-ħtijiet u d-dnubiet tagħna (ara Efesin 2:1). Bħalma l-mewt fiżika tifridna minn xulxin, hekk ukoll il-mewt spiritwali tifridna minn Alla. Mhux biżżejjed tibda paġna ġdida jew tagħmel riżoluzzjoni li tgħix aħjar. Ir-riti reliġjużi, bħaċ-ċirkonċiżjoni u l-magħmudija, lanqas jgħinu. Għalkemm ċirkonċiż, Nikodemu kellu bżonn jitwieled mill-ġdid. Ladarba aħna spiritwalment mejta, aktar minn kollox, neħtieġu l-ħajja li titnissel fit-twelid mill-ġdid.

Kif nista’ nitwieled mill-ġdid? Skont il-Bibbja, inti ma tista’ tagħmel xejn—it-twelid mill-ġdid mhux xogħlok. Tarbija ma tagħżilx hi li tibda l-ħajja jew li titwieled. Hekk ukoll, min hu spiritwalment mejjet ma jqumx għall-ħajja bil-ħila jew bir-rieda tiegħu. Ulied Alla twieldu “mhux mid-demm, u lanqas mir-rieda tal-ġisem, u lanqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla” (Ġwanni 1:13). Jiena u int niddependu għalkollox fuq il-ħniena u l-qawwa tal-Ispirtu t’Alla biex jagħtina l-ħajja ġdida.

Kif inkun naf jekk twelidx mill-ġdid? Affermajna li t-twelid mill-ġdid ma jitwettaqx mill-bniedem. Madankollu, l-effett ta’ din il-bidla radikali jidher fil-bniedem. L-appostlu Ġwanni jagħtina diversi testijiet biex niċċekkjaw jekk aħniex imwielda mill-ġdid jew le:

  • “Kull min jemmen illi Ġesù hu l-Kristu hu mwieled minn Alla” (1 Ġwanni 5:1). Qabel qajla kien jimportah minnu; issa jafda fih għax konvint li hu l-Iben t’Alla, il-magħżul tal-Missier, biex jeħilsu minn dnubietu.
  • “Kull min hu mwieled minn Alla ma jipprattikax id-dnub… kull min jipprattika l-ġustizzja hu mwieled minnu” (1 Ġwanni 3:9; 2:29). Il-wild t’Alla jsir jixbah lil Missieru. Jobgħod dak li jobgħod Alla, jissielet kontra d-dnub u t-tentazzjoni, u minn qalbu jobdi l-kmandamenti tiegħu.
  • “Kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jaf ’l Alla” (1 Ġwanni 4:7). Ladarba Alla hu mħabba, uliedu jitgħallmu jħobbu bħal Missierhom. Jaħfru minn qalbhom lil min jonqoshom, ifittxu jgħinu u jaqdu lil oħrajn, u juru ħniena u ġenerożità ma’ kulħadd.

Ħabib, din hi opportunità għalina biex niflu lilna nfusna fid-dawl tal-Kelma t’Alla: Nemmen u nafda f’Ġesù, Bin Alla; nobgħod id-dnub, u nobdi l-kmandamenti tiegħu; u nħobb minn qalbi lil kulħadd? Jekk b’kuxjenza tajba nwieġeb iva, allura nkun nista’ ngħid, “Tassew, Alla wellidni mill-ġdid, u jien għandi sehem mis-Saltna tiegħu.”

L-Artiklu li jmiss