
Hemm xi ħwejjeġ li Alla ma jistax jagħmel. Alla ma jistax jigdeb, ma jistax jiċħad lilu nnifsu, u ma jistax iwettaq inġustizzja (2 Kronaki 19:7). Żgur li Alla se jkun perfettament ġust fil-kundanna tal-ħżiena; żgur ukoll li se jkun ġust fis-salvazzjoni tal-poplu tiegħu. Alla ma jistax sempliċement jagħlaq għajn waħda, u taparsi jinsa dnubietna biex ikun twajjeb magħna.
Immaġina din ix-xena fil-qorti. Jitressaq wieħed mixli b’diversi reati. L-imħallef jisma’ x-xhieda u jeżamina sewwa l-provi kontrih. Jidher ċar li l-imputat huwa ħati ta’ ksur tal-liġi. Madankollu fis-sentenza tiegħu l-imħallef jiddikjara: “Inti ħati. Ħaqqek kastig. Imma jien irrid inkun tajjeb miegħek. Ma jimportanix x’tgħid il-liġi, jien se nilliberak. Tista’ tmur.”
X’naqbdu ngħidu fuq dak l-imħallef? Forsi li hu inkompetenti, korrott, inġust—imma żgur li ma nistgħux ngħidu li hu mħallef tajjeb! Imħallef tajjeb ma jiksirx il-liġi huwa stess!
Issa ejja nimmaġinaw li dan l-imħallef jikkundanna l-ħati u jordnalu jħallas multa kbira kif titlob il-liġi. Il-ħati jwieġeb li m’għandux minn fejn iħallas. F’dan il-mument, l-imħallef jgħidlu, “Il-ġustizzja trid issir. Il-penali trid titħallas. Imma jien irrid inkun ħanin miegħek. Staqsejt lil ibni, u minn qalbu aċċetta li jħallaslek il-multa kollha. Għalhekk tista’ tmur… inti ħieles.”
B’dan il-mod l-imħallef ikun juri li hu kemm ġust kif ukoll tajjeb.
Dan, u ferm aktar minn hekk, jagħmel Alla mal-bniedem niedem. Minflok jikkundannah kif ħaqqu, Alla jiġġustifikah b’xejn bil-grazzja tiegħu. Alla jeħilsu fuq il-bażi tal-fidwa ta’ Ibnu Ġesù (ara Rumani 3:24). Fi kliem ieħor, Kristu ħallas b’demmu għall-ħelsien tiegħu billi ħa l-kastig li kien jistħoqqlu.
- Għalhekk l-Iskrittura tiddikjara bil-ferħ li Alla huwa ġust u li jiġġustifika lil dawk li jemmnu f’Ġesù (Rumani 3:26). Alla jiġġustifika—jeħles lin-nies ħżiena li jemmnu f’Ibnu mill-ħtija u l-kastig tal-infern. Fl-istess ħin, Alla huwa wkoll ġust meta juri din il-ħniena, għax hu bagħat lil Ibnu biex iwettaq dak li tiddomanda l-liġi f’isimhom.
Hemm xi ħwejjeġ li aħna wkoll ma nistgħux nagħmlu! Ma nistgħux naħarbu mill-ġustizzja t’Alla. Il-liġi tiddomanda ħlas għal dnubietna, u dan se jseħħ fiż-żgur—fl-infern jew fuq is-salib. Imma hemm ħaġa li nistgħu nagħmlu. Bl-għajnuna t’Alla nistgħu nammettu ħtijietna u nappellaw għall-ħniena u l-ġustizzja t’Alla fi Kristu. Nistgħu nħarsu lejn is-salib, l-esibizzjoni tal-imħabba u l-ġustizzja t’Alla, u nafdaw ruħna f’idejn Kristu.














