Fuq liema pedament hi mibnija l-knisja?

Meta Ġesù staqsa lid-dixxipli x’jaħsbu fuq l-identità tiegħu, Pietru wieġbu: “Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj.” Għal din l-istqarrija kruċjali, Ġesù bierek lil Pietru, u qallu: “Imbierek int, Xmun Barġona, għax mhux il-laħam u d-demm irrivelalek dan, iżda Missieri li hu fis-smewwiet. U jien ukoll ngħidlek illi int Pietru, u fuq dil-blata se nibni l-knisja tiegħi, u x-xtabi tal-infern mhux se jipprevalu kontriha” (Mattew 16:16-18).

X’inhi l-blata li fuqha mibnija l-knisja? F’ċertu sens il-knisja hi mibnija fuq Pietru, l-appostli sħabu, u l-profeti (ara Efesin 2:20), għax il-knisja hi msejsa fuq it-tagħlim tagħhom dwar Ġesù. Għalhekk fil-Kredu nistqarru li l-knisja hi appostolika.

Madankollu l-idea li Pietru kien il-kap suprem tal-knisja universali hi barranija għat-Testment il-Ġdid. Tassew, Pietru kien prominenti fost l-appostli, imma ma kienx meqjus bħala l-mexxej assolut tal-knisja kollha (ara pereżempju Galatin 2:9). Kien aktar tard fl-istorja tal-knisja, fis-sekli ta’ wara, li l-isqfijiet ta’ Ruma gradatament firxu s-setgħa tagħhom sakemm kien stabbilit il-papat kif nafuh illum.

Għaldaqstant, jekk irridu nkunu fidili lejn il-Kelma t’Alla jeħtieġ insostnu li l-knisja hi msejsa fuq it-tagħlim ta’ Pietru u l-appostli l-oħra, u b’mod partikolari l-istqarrija dwar Ġesù. Fuqu, il-Messija divin, il-Kristjani kollha f’kull żmien jibnu ħajjithom. Huwa sinifikanti li mqar l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jammetti li din hi tifsira korretta. “Hu fuq il-blata ta’ din il-fidi, li stqarr San Pietru, li Kristu bena l-Knisja tiegħu” (K. 424).

M’għandu jkollna l-ebda dubju dwar mistoqsijiet ewlenin dwar il-knisja għax il-Bibbja ma tħalliniex bejn ħalltejn:

  • Min hu r-ras tal-knisja?
    “Kristu hu ras il-knisja” (Efesin 5:23).
  • X’inhu l-pedament tal-knisja?
    “Ħadd ma jista’ jqiegħed sisien oħra, barra minn dawk li huma mqiegħda, li huma Ġesù Kristu” (1 Korintin 3:11).

X’relevanza għandu dan it-tagħlim għalina? Jeħtieġ nistaqsu b’sinċerità, “Jien membru fil-knisja ta’ Kristu? Qiegħed inserraħ fuqu bil-fidi? Nemmen li huwa l-Kristu, il-mibgħut minn Alla? Nemmen li hu l-Iben etern t’Alla, li għalina u għas-salvazzjoni tagħna sar bniedem, u offra lilu nnifsu b’sagrifiċċju bi tpattija għal dnubietna? Qiegħed nafda fih biex isalvani? Ilqajtu bħala s-Sid ta’ ħajti?”

Jalla nwieġeb b’konvinzjoni, “Iva, jien nemmen u nafda f’Ġesù!” B’hekk biss inkun membru fil-knisja mibnija fuq il-pedament sod daqs il-blat. U bħalma bierek lil Pietru, hekk ukoll Ġesù jbierek lili meta minn qalbi nistqarrlu, “Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj.”

L-Artiklu li jmiss