
Id-dnub huwa l-ksur tal-Liġi t’Alla; għalhekk Alla biss jista’ jaħfrilna. Meta David dineb serjament, reġa’ sab il-paċi meta dar lejn Alla. “Jien għidt, ‘Nistqarr ħtijieti lill-Mulej’; u int ħfirtli l-ħażen ta’ dnubi” (Salm 32:5). Sa mill-bidu l-Insara wkoll kienu jistqarru u jitolbu maħfra lil Alla. Il-Mulej Ġesù għallimna nitolbuh, “Missierna li inti fis-smewwiet… aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”
Sfortunatament, maż-żmien bdew deħlin drawwiet ġodda. Bil-mod il-mod daħlet il-prattika li llum tissejjaħ is-sagrament tal-qrar. Skont dan it-tagħlim, il-qassis Kattoliku għandu l-qawwa tal-assoluzzjoni, jiġifieri li bħala mħallef jaħfer f’isem Alla. Minn meta konna żgħar għallmuna li Ġesù waqqaf is-sagrament tal-qrar meta qal lill-appostli, “Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġwanni 20:23).
- Jidher ċar li Ġesù ta lill-appostli s-setgħa li jaħfru d-dnubiet. Imma kif—bil-konfessjonarju jew b’xi mod ieħor? L-Atti tal-Appostli u l-bqija tat-Testment il-Ġdid ma jħalluna f’ebda dubju dwar kif l-appostli nfushom fehmu kliem il-Mulej.
- Fuq banda, ma naqrawx li l-appostli kienu jqaraw, jagħtu l-assoluzzjoni jew it-tewba. Fuq il-banda l-oħra, naqraw kif l-appostli ħabbru l-evanġelju u ħeġġew lin-nies jindmu u jemmnu fi Kristu biex jiksbu l-maħfra. L-appostlu Pietru xandar li “kull min jemmen fih jirċievi l-maħfra tad-dnubiet permezz ta’ ismu.” L-appostlu Pawlu jesprimi l-istess konvinzjoni, “Permezz tiegħu l-maħfra tad-dnubiet hi mħabbra lilkom” (Atti 10:43; 13:38).
Kieku l-appostli kienu magħna llum kienu jwasslulna l-maħfra t’Alla bl-istess mod: kienu jxandrulna lil Kristu, u jappellawlna nemmnu fih. Infatti hekk għadhom jagħmlu sal-lum bit-tagħlim tagħhom mgħoddi lilna fl-Iskrittura.
Tpattija
Hemm ħaġa oħra li hemm bżonn inqisu. It-teoloġija Kattolika tinsisti li anke meta jkun maħfur, il-bniedem ikun jonqsu jagħmel penitenzi biex ipatti u jħallas id-dejn ta’ dnubietu. Għalhekk tingħata t-tewba fil-qrar. Saħansitra lil hinn mill-qabar, bħala Kattoliku inti tistenna li tgħaddi mill-purgatorju biex titnaddaf minn dnubietek qabel tidħol il-ġenna (K. 1030, 1459).
Madankollu, il-Bibbja tassigura lill-Insara li “dnubietkom inħafrulkom minħabba ismu,” u “d-demm ta’ Ġesù Ibnu jippurifikana minn kull dnub” (1 Ġwanni 2:12; 1:7). Il-penitenza ta’ dnubiethom ġarrabha Kristu meta ċarċar demmu fuq l-għuda tas-salib.
Nagħmlu sewwa jekk nistaqsu lilna nfusna, “Kif nista’ nikseb il-maħfra? Qed infittixha għand bniedem bħali, u qed nipprova npatti għal dnubieti bil-ħila tiegħi? Jew qed nistqarr dnubieti ’l Alla, u nafda fi Kristu biss għax konvint li demmu jippurifikani minn kull dnub?”














