
Id-dnub jifridna minn Alla. Għalhekk neħtieġu medjatur—wieħed li jneħħilna kull ħtija u jirrikonċiljana m’Alla. Għandna bżonn lil xi ħadd li jaqbad idejna u idejn Alla, u jqegħidhom flimkien fi ħbiberija. Nirringrazzjaw ’l Alla li hu stess ipprovdielna medjatur bħal dan, kif naqraw fl-Iskrittura Mqaddsa:
“Għax hemm Alla wieħed u medjatur wieħed ukoll bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala riskatt għal kulħadd” (1 Timotju 2:5-6).
Daqskemm nemmnu f’Alla wieħed, daqshekk ieħor nemmnu li hemm medjatur wieħed. Mhux tnejn, tlieta jew aktar—“medjatur wieħed” tiddikjara l-Iskrittura. Pont wieħed hemm li jgħaqqad l-art mas-sema, u jħabbeb il-midneb mal-Ħallieq. Dan il-medjatur uniku huwa l-Bniedem Kristu Ġesù.
Ġesù biss jikkwalifika għal dan il-ministeru, għal diversi raġunijiet:
- Ġesù huwa bniedem bħalna
Ladarba hu tassew bniedem, Ġesù jista’ jkun ir-rappreżentant tagħna l-bnedmin quddiem Alla. Din hi r-raġuni għala Verbum Dei caro factum est. L-Iben etern t’Alla, li minn natura tiegħu huwa tassew Alla, sar wieħed bħalna, minbarra d-dnub, biex isir ir-rappreżentant tagħna fis-sema. - Ġesù huwa l-Kristu
Hu l-Messija mwiegħed fit-Testment il-Qadim, maħtur minn Alla biex ikun il-Feddej tad-dinja. Ta’ dan hemm xhieda l-Ispirtu s-Santu li niżel fuqu fil-magħmudija, u li permezz tiegħu Ġesù wettaq mirakli meraviljużi b’xhieda li hu l-Kristu, il-mibgħut t’Alla. - Ġesù huwa l-Feddej
Ġesù “ta lilu nnifsu bħala riskatt għal kulħadd”. Fi kliem ieħor, Ġesù ħallas il-prezz tal-fidwa—il-ħelsien tal-poplu tiegħu mill-iskjavitù tad-dnub. Din hi raġuni oħra għall-inkarnazzjoni. Kellu bżonn isir bniedem tad-demm u l-laħam sabiex, wara li għex ħajja perfetta, joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju fuq is-salib u jxerred demmu għall-maħfra tad-dnubiet.
Mela, Ġesù huwa l-medjatur waħdieni għax huwa l-bniedem maħtur minn Alla li kisbilna l-fidwa u jirrappreżentana quddiemu.
Il-mifdija kollha—inkluż Marija u l-qaddisin fil-glorja—qegħdin il-ġenna jgawdu u jfaħħru ’l Alla bis-saħħa tal-medjatur uniku, Ġesù Kristu. Minflok inqisu lilhom bħala medjaturi għalina, ejjew nimxu skont l-eżempju tagħhom, u nafdaw f’Ġesù biex jirrikonċiljana m’Alla.
Ġesù biss il-medjatur. Il-wegħda tiegħu tgħodd għalina wkoll, “Jien hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol minni se jkun salvat” (Ġwanni 10:9).














