Is-sagrifiċċju ta’ Kristu hu suffiċjenti?

Aħna l-bnedmin obbligati nobdu ’l Alla, il-Ħallieq tagħna. Madankollu, sa mill-bidu nett, irribellajna kontrih, dnibna, ksirna l-liġi tiegħu, u allura aħna ħatja quddiemu, u ninsabu fil-periklu tal-kastig tal-infern. Madankollu, fil-ħniena kbira tiegħu, Alla pprovdielna mezz ta’ ħelsien. Fit-Testment il-Qadim Alla ħatar il-qassisin Leviti biex joffru sagrifiċċji ta’ annimali fuq l-artal. Dan jgħallimna li:

  • Il-midneb ħaqqu l-kastig tal-mewt għal dnubietu.
  • Il-midneb jista’ jeħles mill-kastig jekk xi ħadd ieħor jieħu l-piena minfloku.

Dawk is-sagrifiċċji kienu stampa ta’ dak li kellu jagħmel Ġesù fit-Testment il-Ġdid—il-ħaruf t’Alla ġie biex ineħħi d-dnub tad-dinja. Kristu tgħabba bid-dnubiet tal-poplu tiegħu, sofra u miet fuq is-salib biex iħallas il-kastig skont il-Liġi t’Alla. “Kristu wkoll bata għad-dnubiet darba għal dejjem, il-ġust għall-inġusti, sabiex iressaqkom lejn Alla” (1 Pietru 3:18). Kristu kien “offrut darba ħalli jerfa’ d-dnubiet tal-ħafna” (Ebrej 9:28).

L-Iskrittura tenfasizza li Kristu offra sagrifiċċju wieħed, mhux ħafna. Ġesù “m’għandux bżonn ta’ kuljum, bħas-saċerdoti ewlenin, joffri sagrifiċċji, l-ewwel għal dnubietu stess, imbagħad għad-dnubiet tan-nies, għax dan għamlu darba għal dejjem meta offra lilu nnifsu” (Ebrej 7:27). Is-sagrifiċċju ta’ Kristu hu avveniment storiku, li seħħ darba biss, elfejn sena ilu. Il-benefiċċji tiegħu ma jintemmu qatt.

Ġesù jrid lid-dixxipli tiegħu jibqgħu jiftakru fih fl-Ewkaristija, billi jaqsmu bejniethom il-ħobż u l-inbid, u jħabbru l-mewt tiegħu sakemm jerġa’ jiġi. Matul l-istorja tal-knisja, l-Ewkaristija nbidlet minn “tifkira” għal “sagrifiċċju.” Skont il-Katekiżmu, is-sagrifiċċju tas-salib “jiġġedded fis-sagrifiċċju ewkaristiku tal-Knisja” u “l-Ewkaristija, bħala sagrifiċċju, hi wkoll offerta ta’ tpattija għad-dnubiet” (K. 1367, 1414).

Nistaqsu: għad fadal il-ħtieġa ta’ sagrifiċċju ta’ kuljum? X’tgħidilna l-Iskrittura? Lil niesu Alla jassigurahom, “Id-dnubiet tagħhom u l-illegalitajiet tagħhom żgurament mhux se niftakarhom iżjed.” Għaldaqstant il-Bibbja tikkonkludi, “Issa fejn hemm il-maħfra ta’ dawn, m’hemmx iżjed offerta għad-dnubiet” (Ebrej 10:17-18).

Madankollu, waqt il-quddiesa, il-qassis jistieden lill-ġemgħa titlob “biex is-sagrifiċċju tiegħi u tagħkom ikun jogħġob lil Alla, il-Missier li jista’ kollox.” Nistiednek tirrifletti fuq dawn il-mistoqsijiet:

  • Kif nistgħu nitolbu ’l Alla jilqa’ sagrifiċċju għad-dnub meta Kelmtu tassigurana li “m’hemmx iżjed offerta għad-dnubiet”?
  • Mhux aħjar nemmnu dak li qalilna Alla: li s-sagrifiċċju ta’ Ibnu ġie offrut darba għal dejjem, u hu suffiċjenti għall-maħfra sħiħa ta’ dnubietna?

L-Artiklu li jmiss