
L-idea ta’ saċerdozju hija ċentrali fl-Iskrittura. L-Epistola lill-Ebrej titkellem fit-tul dwar dan. Id-dmir tal-qassis hu li joffri sagrifiċċju għad-dnubiet u li jirrappreżenta lill-poplu quddiem Alla (Ebrej 5:1). Neħtieġu qassis għax aħna midinbin u ma nistgħux nersqu weħidna fil-preżenza glorjuża t’Alla qaddis.
Fit-Testment il-Qadim, Alla ħatar qassisin biex iservu fit-tabernaklu, u aktar tard, fit-tempju. Dawn il-qassisin kienu joffru tipi differenti ta’ sagrifiċċji—uħud bi tpattija għad-dnub (u kienu jinvolvu t-tixrid tad-demm), u oħrajn offerti ta’ ringrazzjament u qima.
Fit-Testment il-Ġdid, kollox inbidel. Illum “għandna qassis il-kbir hekk għoli, li daħal fis-smewwiet, Ġesù Bin Alla” (Ebrej 4:14). Ma offriex annimali bħala sagrifiċċji. Ġesù offra lilu nnifsu. Ġesù ġie fostna “għat-twarrib tad-dnub permezz tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu” (Ebrej 9:26). Meta ta ħajtu fuq is-salib, Ġesù warrab u neħħa d-dnubiet ta’ niesu kollha. Mhux biss, Ġesù qam minn bejn l-imwiet, u issa jinsab fuq il-lemin tal-Missier biex jinterċedi għal dawk li jemmnu fih.
- Minħabba f’hekk, is-saċerdozju tat-Testment il-Qadim issa huwa skadut. Il-qassisin ta’ qabel kienu jixjieħu u jmutu, u għalhekk kien ikollhom jgħaddu s-saċerdozju lil ta’ warajhom. Imma Ġesù “minħabba li jibqa’ għal dejjem, għandu saċerdozju permanenti” (Ebrej 7:24) u allura ma jgħaddix s-saċerdozju tiegħu lil ħaddieħor.
- Għaldaqstant m’hemmx bżonn ta’ qassisin fil-knisja bħalma kellhom il-Lhud fl-antik. Tassew, il-Mulej jaħtar ministri għall-knisja li jissejħu presbiteri (anzjani), pastors (rgħajja), u isqfijiet (overseers) (Atti 20:28; 1 Pietru 5:1–2). Madankollu r-rwol tagħhom mhux li joffru sagrifiċċji bi tpattija għad-dnub, imma li jgħallmu, jiggwidaw, u jieħdu ħsieb il-poplu t’Alla.
- Mhux biss, dawk kollha li jemmnu f’Ġesù huma “saċerdozju rjali” (1 Pietru 2:9). Permezz ta’ Kristu, l-Insara kollha għandhom dħul liberu quddiem Alla l-Imbierek—mhux biex joffru sagrifiċċji għad-dnub (dak għamlu darba għal dejjem Ġesù), imma biex joffru t-tifħir u r-ringrazzjament tagħhom (Ebrej 13:15).
Iva, il-knisja għandha bżonn saċerdozju. Is-Saċerdot perfett tal-knisja huwa Ġesù Kristu. Hu “kapaċi jsalva kompletament lil dawk li jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem jgħix ħalli jinterċiedi għalihom” (Ebrej 7:25).
Ejja mela nersqu permezz ta’ Ġesù lejn Alla għas-salvazzjoni tagħna, b’fiduċja, tifħir u ringrazzjament!














